Il-magħmudija ta’ Ġesu’

Il-Magħmudija  għalija xi tfisser? Għalija tfisser splużjoni ta’ grazzji li Alla ried jagħtini b’xejn. Tagħtini identita’ ta’ bint għażiża t’Alla u jien ikkonsagrata lil Alla, jiġifieri jien kollni kemm jien t’Alla.

Kemm verament nemmen  li għandi l-protezzjoni kollha t’Alla jiġri x’jiġri? It-tentazzzjoni hi li ninġarr faċilment mal-kurrent tan-negattivita’ u l-pessimiżmu li kontinwament joħnoq it-tama u l-ferħ.

Moħħi ma jistax jieqaf jaħseb fuq dak it-tifel li miet mgħaffeġ mill-gaffa. Il-ħajjja kiefra meta jkollok il-fidi, aħseb u ara meta  ma tkunx temmen. Il-ħajja ma tagħmilx sens  meta nara nies  u tfal imutu t’eta’ żgħira,  ngħid Alla fejn hu f’dawn id-diżgrazzji?

Interessanti li llum naraw lil Ġesu’ jitgħammed minn Ġwanni. Jien tolqotni ħafna li Ġesu’ ried jilbes l-umanita’ tagħna biex jurina li Alla ma jinsabx ‘il bogħod jew ‘il barra minna imma ġewwa fina. Din hi l-mi sjoni li Ġesu’ jridni u  qed jibgħatni biex inwassal u ngħix li Alla jinsab miegħi f’nofs it-tbatija.

Propju hemmhekk fil-vulnerabblita’ tal-umanita’ tiegħi, Alla jibgħatli diversi nies u sinjali biex jgħinni nifhem li fija ssib l-għaxqa tiegħu. Aktar kemm ngħaraf id-dinjita’ ta’ bint Alla, aktar inkun nista’ nara  kemm Alla jħobbni b’imħabba ta’ Missier ħanin.

Bit-tbissima u l-imħabba li naqsam ma’ kulħaddd inkun qed ngħix l-magħmudija tiegħi. Din il-magħmudija li tistedinni biex kuljum b’ħajti nagħti xhieda tat-tama tiegħi.

 

This entry was posted in Kitbieti. Bookmark the permalink.

Leave a comment