Għallimna nitolbu. Lq 11:1-13

Din ix-xewqa ntensa li nibtet f’qalb l-appostli meta raw kif Ġesu’ kien jitkellem m’Alla Missieru. Użajt il-kelma jitkellem għax fl-opinjoni tiegħi biex wieħed ikun jaf jitlob, l-ewwel ħaġa irid ikun jaf jikkomunika.

Il-komunikazzjoni ma tfissirx biss li wieħed jitgħallem lingwa partikolari, imma tfisser ukoll il-ħila ta’ kif individwu jesprimi ruħu. Apparti l-kliem li huma l-iżjed forma komuni ta’ komunikazzjoni li tiġini mill-ewwel f’moħħi, hemm il-lingwa tal-ġisem. Xi ftit jew wisq dil-lingwa hi aktar libera u spontanja minn dik tal-kliem.

L-ispontajeta’ fit-talb hu element importanti ħafna biex m’Alla jien inkun u nħossni l-perrsuna li vera jien. L-ewwel kelma li jgħid Ġesu’ lill-appostli meta dawn qalulu għallimna nitolbu hi Missierna. Din il-kelma tindika sens qawwi ta’ liberta’.

Mela t-talb sfurzat, għax hekk suppost nagħmel ma jiswa xejn. Lanqas m’għandi għalfejn ninkwieta meta ma nkun nista’ nitlob b’xejn għax bħal kull relazzjoni oħra, ir-relazzjoni tiegħi m’Alla tgħaddi minn diversi fażijiet. Daqqa nkun fil-fażi tal-entużjażmu, daqqa tkun mimlija monotonija fejn ma nitlob xejn u daqqa nitlob mingħajr ma nħoss xejn.

Jien inqabbel it-talb man-namur. Mhux dejjem ħa nkun nista’ nagħti l-imħabba jien, ġieli jkolli bżonn nirċievi l-imħabba biss. U hu propju fil-mumenti tan-nixfa li Alla jogħġbu jkellimni hu permezz tas-sinjali li jibgħatli biex jurina li hu preżenti miegħi.

It-talb mhuwiex il-kliem li ngħid imma xi tgħid il-preżenza tiegħi quddiem Alla. Waqt it-talb Alla jara ħaġa waħda, kemm għandi qalbi miftuħa biex nagħmel ir-rieda tiegħu. Mulej, agħmel li nkun libera biżżejjed biex nikkomunikaw flimkien aħjar.

Posted in Kitbieti | Leave a comment

Martha u Marija

X’inhuma l-prijoritajiet tiegħi? Alla x’post għandu f’ħajti? Kif ħa ninduna li mhumiex qegħdin ta’ taħt fuq?

Dawn huma l-mistoqsijiet li telgħuli f’qalbi jien u naqra dan il-Vanġelu. Liema vuċijiet qed nisma’ ta’ Ġesu’ jew tiegħi nnifsi? L-aktar ħaġa diffiċli għalija mhux biex niddeċiedi bejn ħaġa tajba u ħażina imma biex nagħżel bejn it-tajjeb u l-aktar tajjeb.

Nimmaġina li dan hu dak li Ġesu’ beda jgħid lil Martha biex tieqaf ftit mill-ġenn tal-ħajja ta’ kuljum u tiffoka fuq is-smigħ. Il-komunikazzjoni li mhix biss meta jien nitkellem imma meta nisma ukoll. Is-smigħ hu l-aktar ħaġa importanti bex jien nifhem u nasal biex nagħmel dak li Alla jrid minni. U Alla jkellimni b’ħafna modi, bil-Kelma tiegħu u permezz tal-oħrajn.

Huwa hawn fejn kultant nonqos mir-rispett lejn ħaddieħor għax apparti li ninsa li kulħadd hu xbieha t’Alla, ninsa ukoll li Alla jibagħatli nies bħala messaġġiera mingħandu biex jakkumpanjani matul il-vjaġġ ta’ ħajti. Mela  jien irrid niddeċiedi fuq dak li ngħix u nisma’ wara mumenti ta’ talb u riflessjoni mhux naqbad u nagħmel l-affarijiet bl-addoċċ għax hekk suppost jew għax hekk hu mistenni minni.

Mingħajr dixxerniment, jiġifieri għażla wara ħin ta’ riflessjoni u talb ma nistax nikber f’persuna b’fidi soda. Għax mal-ewwel maltempata nċedi l-armi għax ta’ din id-dinja xejn ma jagħmel sens. Għandi bżonn ispirazzjoni li tmur lil hnin minn dak li jidher u li tibqa’ għal dejjem. U fejn ħa nsibha jekk mhux quddiem Ġesu’ Sagramentat li għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem?

Posted in Kitbieti | Leave a comment

Fejjaqlu u dewwielu l-ġrieħi

Illum għandna quddiemna l-parabola tas-Samaritan it-tajjeb. Parabola li smajtha kemm -il darba imma qatt ma tajt kas ta’ dawn iż-żewġ kelmiet dewwielu u fajjaqlu. Dan is-Samaritan mhux biss waqaf ħdejn ir-raġel ferut imma fejqu ukoll.

Jien l-ewwel waħda li xi drabi nistaqsi jew nieqaf inħares lejn xi ħadd sempliċiment għax tegħlibni l-kurżita’ u mhux għax ikun jimpurtani minn ħaddieħor. Biex infejjaq bħas-Samaritan hemm bżonn nidħol fl-istorja ta’ ħaddieħor u nimxi miegħu biex ngħinu jikber. Dan jirrekjedi minni sensitiita’ kbira biex ninduna li persuna għandha bżonni mingħajr ma tgħidli hi.

Dan hu l-ewwel punt tal-fejqan għax meta niffoka fuq il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor jien neħles xi ftit mill-egoismu tiegħi u nkun nista’ mmiss u ndewwi dak li fija u f’għaajnejja nara moqżież u ikrah fl-oħrajn. Ma nistax infiq u nfejjaq jekk l-ewwel ma nesperjenzax xi tfisser tkun marid, l-uġigħ u t-tbatija tiegħu.

Meta nersaq u mmiss lill-batut  ma nibqax inbati bil-preġuddizji għax niskopri li dak li jien inqis inqas minni, hu fil-verita’ bħali għax insir nafu. Min jaf kemm dan is-Samaritan tal-parabola kien sema’ kontra l-Lhud imma mqanqal mill-ħniena ddeċieda li jirriskja u resaq lejn dak li n-nies kienu jiddeskrievu bħala monstru biex sab li kien bniedem.

Naħseb, anzi ċerta li meta għadda l-lukanda biex jara kif baqa’ sieħbu l-ferut bejniethom nibet ħbiberija speċjali għax is-Samariran ma salvax biss lil dan il-Lhudi mill-mewt imma sab li għandu ħuh ġdid li miegħu seta’ jaqsam ħajtu. Hekk jiġri lili, kull darba li nħalli lili nnifsi nitmexxa mill-imħabba u l-ħniena.

Posted in Kitbieti | Leave a comment

Tifirħux għax l-ispirti joqogħdu għalikom imma għax għandkom isimkom hu miktub fis-Smewwiet

Jien għalxiex nifraħ? X’inhu l-iskop wara l-ferħ tiegħi? Li jien nieħu l-prosit u li jkolli suċċess dejjem? X’inhu dak li jferraħ verament lil qalbi?

F’qalbi hemm vojt, li ħafna drabi jimtela’ b’elf ħaġa apparti b’Alla nnifsu. U anke jekk timtela’ b’Alla nnifsu ma nkunx nista’ nifraħ għax jien ma nemminx li Alla jista’ jinqeda bija. Qed niskopri li l-ferħ ma jiġix biss meta jkolli kollox tajjeb, imma meta nafda fija nnifsi, daqskemm jafdani Alla.

Ma nafx intom, imma meta nkun għaddejja minn xi mumenti diffiċli nipprwtendi u nistenna li Alla ħa jagħmel kollox biex joħroġna minn dak li nkun qiegħda fih u li jien ma jkolli bżonn nagħmel xejn. Meta fil-verita’ Alla jkun qed jgħidli biex ma nifraħx biss għax jien nemmen fih, imma għax hu jemmen fija ukoll.

Iridddni nħares lil hnin minn dak li nista’ nara u nifhem biex inwessa’ l-viżjoni tiegħi li twassalni sal-eternita’. Ma nistax nibqa’ nfittex il-ferħ f’affarijiet materjali, li xi darba jew oħra jispiċċaw irrid infittxu f’dawk l-affarijiet li jibqgħu għal dejjem. Bħal ma huma l-imħabba u l-ġid li nħalli warajja meta naqdi lil ħuti fil-bżonn.

It-tfixkil ħa jiġi minn kullimkien, imma jekk jien nitlob dejjem lill-ispirtu t’Alla jgħinni jien ma jkolli għalfejn ninkwieta fuq xejn għax Alla jieħu ħsiebi. Kemm naħli  ħin ninkwieta fuq affarijiet bla sens u nitlef opportunitajiet ta’ ġid għax naħseb li ħa nibqa’  ngħix għal dejjem fuq din l-art u mhux għal dejjem fis-sema.

Posted in Kitbieti | Leave a comment

It came to pass

Jien naqra l-Vanġelu bl-inġliż u llum laqtitni l-frażi it came to pass. Din il-ħajja li qed ngħix bħalissa xi darba ħa tgħaddi. Għalkemm dan il-fatt nafu, xorta nħossni iebsa ħafna biex nemminha li bħalma ħajti kellha bidu irid ikollha tmiem ukoll.

Kont nimmaġina li aktar kemm naħseb u nirrifletti fuq it-tmiem ta’ ħajti-l-mewt aktar nimtela’ anzjeta’ u dwejjaq imma r-realta’ qed turini li mhux hekk. Ir-realta’ tal-mewt qed tgħallimni l-valur veru tal-ħajja. Kemm hu importanti li  ma naħlix ħini fix-xejn Li ma noqgħodx naħseb fuq dak li ġrali jew fuq dak li ħa jiġri fil-futur. Il-ħajja hi l-mument t’issa. In-nisrani hu l-bniedem li kapaċi jħares ‘il quddiem għax jaf li l-Mulej wasal qablu   hemm.

Din hi s-salvazzjoni li jien nifhem li ħajti hi vjaġġ kontinwu. U matul dan il-vjaġġ ħa jkun hemm ħafna mumenti fejn ikolli nitlaq xi affarijiet u nies warajja għax ma jkunux qed iħalluni nikber fir-relazzjoni tiegħi m’Alla u mal-oħrajn. Jeħtieġli li nkun libera biex inkun nista’ nsegwi l-pjan li Alla ħejja għalija. Pero’ biex jirnexxieli nwettaq dan il-pjan irrid nieħu deċiżjoni ferma.

Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura dan mhux tajjeb għas-saltna tas-Smewwiet. U vera għax kieku l-bidwi ma  joqgħodx attent kif ipoġġi idu fuq il-moħriet malajr jista’ jitlef idu.

F’kelma waħda jekk niddeċiedi li ħa nimxi wara Ġesu’ ma nistax inkun sieq waħda ‘l hawn u sieq ‘ l hemm għax bin-nuqqas ta’ responsabbiilita’ tiegħi fid-deċiżjonijiet li nieħu jistgħu jħallu konsegwenzi koroh kemm fuqi u fuq ħaddieħor.

Fl-aħħar mill-aħħar irrid niftakar li f’din id-dinja kollox jiġi biex jgħaddi mhux biex jibqa’!

Posted in Kitbieti | Leave a comment

Corpus

Għadu ċar f’moħħi dak il-mument fejn irċevejt l-Ewkaristija għall-ewwel darba. Bqajt skantata kif l-ostja dagħbet minnufih f’ħalqi. U minn hemm ħadt l-akbar  u l-isbaħ tagħlima għal ħajti kollha.

Il-fatt li l-Ewkaristija dagħbet f’ħalqi fhimt li Ġesu’ kien kuntent ħafna li ġie ġo fija. Din l-espererjenza għadni nġarrabha kull darba li nirċievi l-Ewkaristija. Aktar ma kbirt, fhimt li issa kien imiss lili li ndub kif Ġesu’ jagħmel fija. Għażilt li ndub bħall-ġelat, mhux bħal meta titħalla ice pack barra  mill-freezer.

Il-ġelat ma jdubx għalxejn, normalment meta jkun qed idub ikun qed jieklu u jieħu gost bih xi ħadd. Il-freskezza u t-togħma tal-ġelat tibqa’ miegħek anki wara li tieklu. Din nixtieqha tkun l-esperjenza ta’ dawk kollha li jiltaqgħu miegħi, li mhux biss iħossu lil Ġesu’ fil-preżenza tiegħi biss, imma anke wara li jien nitlaq minn magħhom jibqgħu jtiegħmu t-togħma ta’ Ġesu’.

Ħajti trid tħalli riħa tfuħ u togħma tajba kull fejn inkun. Dan irid ikun is-sinjal li jien nisranija. Din it-togħma  li ssir togħma ta’ qrusa jekk ma nibqax nmantni lili nnifsi bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Mingħajr il-grazzja t’Alla, jien individwu, riħa ta’ mewt u togħma ta’ qrusa, iżda għax Alla jogħġbu jqaddisni nsir persuna.

Persuna li kapaċi nidħol f’relazzjoni m’Alla u mal-oħrajn biex nibni dinja fejn jirreenjaw il-paċi u l-imħabba. Din li tfisser il-festa tal-lum-Corpus li jien nagħti lili nnifsi lil-oħrajn u flimkien ngħixu r-realta’ ta’ ħajjitna b’Ġesu’ fina.

Posted in Kitbieti | Leave a comment

Trinita’ Qaddisa

‘Ħa nagħmel il-bniedem fuq ix-xbieha tagħna.’ Hekk hemm miktub fil-ktieb tal-Ġenesi. Mela Alla huwa relazzjoni ta’ mħabba mhuwiex Alla li jgħix waħdu.  Jekk hu ħalaqni nixbah lilu ħajti tkun tagħmel sens biss jekk inkun lesta li ngħix f’komunjoni mal-oħrajn.

Il-misteru tat-Trinita’ jfakkarni ħafna fil-ġiżirajjen li jkollhom l-għajjares, li jkunu nofs qalb għand it-tfajla u n-nofs l-ieħor għand il-ġuvni. Imbagħad meta jgħaqqdu n-nofsijiet ma’ xulxin tifforma qalb sħiħa. Jien inkun qisni qed ngħix b’nofs qalb kull darba li ningħalaq fija nnifsi u nagħżel li ngħix  ħajti waħdi.

Qalbi maħluqa biex bl-imħabba tiffitja l-qalb ta’ ħaddieħor u hekk noħolqu opra kbira u sabiħa. Din l-opra li bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu jirtukkjaha biex is-Saltna t’Alla fija u madwari tkun Saltna fejn jirrenjaw il-paċi u l-imħabba perfetta.

Permezz tal-attitudni u tar-relazzjonijiet irrid noħloq spazju fejn l-Ispirtu Qaddis ikun jista’ jgħammar bil-qawwa kollha tiegħu biex jagħmilni sagrament. Sagrament ifisser ikona t’Alla fija. Għandi responsabbilita’ kbira li f’kull ħin nitkellem sew fuq il-proxxmu tiegħi. Kull bniedem li hawn fid-dinja  hu parti minni, għalhekk ma nistax niġi naqa’ u nqum minnu, l-aqwa li jien inkun ok u daqshekk.

Jekk noqgħod nirrifletti ftit kull darba li b’xi mod ma rrispettajtx lil ħaddieħor ma kellix il-ferħ fija. Inkun imdejqa sakemm permezz tal-maħfra nerġa’ nkiseb l-għaqda sħiħa ma’ Alla u mal-oħrajn. Għalija dan hu dak li qed tippreżentali t-Trinita’ Qaddisa llum l-għaqda sħiħa, anke meta ma nifhimx x’qed jiġri madwari nibqa’ nemmen fl-imħabba għax l-imħabba hi s-sinjal awtentiku li Alla l-Missier. Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu jinsab fija u madwari.

Posted in Kitbieti | Leave a comment

Pentecoste

Kemm nieħu gost meta f’ġurnata xemxija taqli l-ankri f’daqqa waħda tiġi żiffa ħelwa ma’ wiċċi. Inħossha taħjini u ttini s-saħħa biex inkompli nistaporti s-sħana. Imbagħad jafaxxinani l-fatt kif meta tkun xi maltempa r-riħ jitqawwa tant li jsir riefnu jekk mhux ukoll urugan.

L-Ispirtu s-Santu bħar-riħ li jonfoħ f’kull direzzjoni u b’liema forza jrid biex jien immur fejn jridni Alla. Kultant tkun faċli biex nara xi jrid minni Alla imma ħafna drabi jonfoħ bħar-riefnu qawwi li jeħodni fejn ma rridx jien. Bħal fil-każ tal-maltemp, id-dar trid tkun ippreparata sew bil-bejt lest imħalleb, jien ukoll irrid nitħalleb bil-Kelma t’Alla.

Jien irrid nitħalleb biex il-ħażin u l-qtigħ ta’ qalb ma jidħlux fija. Jekk ma nagħmilx hekk meta niltaqa’ mal-ħażin ma nkunx nista’ nieqaflu għax it-tajjeb li jkun hemm fija jintrebaħ mill-ħażin. Diffiċli ħafna biex nibqa’ soda fil-maltemp jekk ma jkollix pediment sod tal-fidi. Filfatt meta nkun għaddejja minn mumenti diffiċli nitlob lill-Ispirtu s-Santu jfakkarni fi żminijiet sbieħ, f’kemm Alla kien fidil miegħi.

U din il-fedelta’ tkun għalija raġġ ta’ dawl fid-dlamijiet tad-dubju. Il-fedelta’ t’Alla miegħi timlieni bi gratitudni u tħalli lill-Ispirtu jaħdem fija kif irid hu bla ebda xkiel. Jien irrid inkun ilma ġieri mhux ilma qiegħed biex minni jixorbu dawk kollha li għandhom l-għatx għall-verita’.

Dil-verita’ li minn dak il-mumrnt li bdejt inħaddanha f’ħajti għallmitni inħobb, b’tali mod li sibt l-iskoġ għalxiex ngħix. Issa ngħix bi skop għax għandi lil min inħobb u nista’ ngħix b’mod ħieles għax naf li din l-Imħabba perfetta la għandha bidu u lanqas tmiem hi imħabba eterna. Dan li jagħmel lil Alla li nemmen fih jien sabiħ għax hu moġnun għal imħabbti.

Posted in Kitbieti | Leave a comment

X’intom tħarsu ‘l fuq?

Qum minn hemm u ċaqlaq! Tibqax passiva, tħares lejn dak li kien u ma tagħmel xejn. Imtela’ b’tama ġdida u aspirazzjonijiet friski għall-futur għax Ġesu’ qiegħed miegħek il-ħin kollu.

Iva Ġesu’ qiegħed il-ħin kollu miegħi imma sfortunament ma tantx nemminha din. Kieku nemminha verament la nibża, la naqta’ qalbi u lanqas noqgħod nitħassar lili nnifsi għal dak li ġrali. Bil-fidi tiegħi f’Ġesu’ nkun nista’ nħares dejjem ‘il quddiem għax Ġesu’ huwa dejjem ġdid. U għax huwa dejjem ġdid, jien nista’ nimtela’ b’ħafna fervur biex ngħix f’relazzjoni awtentika ma’ Ġesu’.

Liema relazzjoni tħeġġini biex ma nibqax inħares ‘il fuq lejn is-sema nistenna lil Ġesu ġej imma nħares ġewwa fija. Ġewwa fija fejn Ġesu’ qed jgħix u jrid li n-nies ikunu jafu  li  hu jgħix fija. Mela rrid nagħmel id-differenza b’dak li jien mhux  b’dak li nagħmel.

Kif ħafna minnkom diġa’ tafu jien għandi diżabbilita’ severa li kważi ma nista’ nagħmel xejn. Imma jien tant inħobb ngħix u nara l-ħajja sabiħa, li l-ftit li nista nagħmel Alla jagħtih valur kbir. Min ma jkunx jafni ma jobsorx li jien kapaċi nikteb daqshekk għax jiġi mqarraq mill-apparenza tiegħi.

Imma bil-grazzja t’Alla jien emmint li anki lili Alla tani missjoni u għandi l-potenzjal kollu meħtieġ biex inwettaqha. Inħoss li l-apposstli ma kienu xejn konvinti minn dan u fi kliem ieħor Ġesu’ qed jgħidilhom li hu jafdahom issa jmiss lilhom  li jibdew jafdaw fihom innfushom ukoll.

Mhux biżżejjed li nemmen u nafda f’Ġesu’ rrid nemmen fija ukoll biex inkun nista’ nwettaq sal-aħħar il-missjoni li Alla afdali f’idejja.

Posted in Kitbieti | Leave a comment

Nagħtikom il-paċi tiegħi

Illum Ġesu’ qed jipprepara  lill-appostli għall-eventwalita’ tat-tluq tiegħu. Ma kinux ħa jarawh aktar, ovvjament din l-aħbar għall-appostli ma kinitx waħda sabiħa. Żgur li ma fehmux dan il-kliem ta’ Ġesu’, ċerta li fihom tqanqlet rabja għax kien ħa jerġa’ jħallihom waħedhom għat-tieni darba. U dan l-Ispirtu s-Santu min hu?

L-aktar ħaġa li ddejjaqni hu meta jkolli nagħlaq kapitlu f’ħajti biex nibda ieħor ġdid. Ma nkunx irrid u wisq ma nkunx nista’ naċċetta l-firda li nkun ħa nġarrab. Imbagħad nibda naħseb x’se nsib  fil-pass il-ġdid li nkun ħa nagħmel? Ħa nkun kuntenta fejn ħa nkun qiegħda? U ħa nibqa nħoss in-nuqqas ta’ dak kollu li ħallejt warajja biex għamilt?

Ġesu’ jaf kemm hu iebes kull tip ta’ closure għalija, għalhekk fil-Vanġelu tal-lum qed jgħidli jien mhux ħa nħallik waħdek ibqa’ emmen fija ħalli tibqa’ mwaħħda miegħi. Naf li ġieli tħossok bla saħħa u bla kuraġġ ta’ xejn, b’hekk jien tajtek l-ispirtu tiegħi biex itik enerġija u saħħa ġdida.

Kultant ir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum tgħejjini, kemm ħa ndum nagħmel l-istess ħaġa ġurnata wara l-oħra? Wisq drabi nħoss li l-isforzi tiegħi jisfaw fix-xejn għax kollox jibqa’ l-istess, qisu il-ftit tajjeb li nagħmel ma jagħmilx differenza. Hu propju f’dan il-mument li rrid nitlob l-Ispirtu s-Santu jieħu l-kontroll ta’ ħajti hu.

Jekk ma nagħmilx hekk nispiċċa nabbanduna kulma jagħtini gost u sostenn inkluż il-fidi li tant ngħożż. Għalija l-Kelma t’Alla qisha energy drink li meta naqraha jew nismagħha tagħtini dak il-boost u l-paċi li jkolli bżonn biex il-fidi tiegħi tibqa’ ħajja u ma tibridx.

Posted in Kitbieti | Leave a comment