Min ma jagħtix kollox ħabba fija ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. ~Lq14:25-33~

imageLili jaffaxxinawni ħafna dawk in-nies li mietu għal ftit ħin. Kollha jgħidu li ħajjithom inbidlet għall-aħjar, għax wara li jkumu esperjenzaw il-mewt, xejn ma jibqa’ importanti għalihom għajr dak li jagħtu. Ħafna jgħixu l-kumplament ta’ ħajjithom billi jagħtu lilhom innfushom biex jgħinu lil oħrajn.

Dan ifisser li nagħti kollox, li nagħti kulma jien u dak li għandi, mingħajr ma nżomm xejn għalija. Dan nista’ nagħmlu biss jekk nieħu d-deċiżjoni li nħobb u nħobb mhux b’mod egoistiku imma b’mod perfett kif ħabb Ġesu’. Il-perfezzjoni fl-imħabba nilħaqha meta ngħaraf li jien m’għandi xejn tiegħi imma kollox hu misluf lili minn Alla.
Hekk ma nsibiex diffiċli biex inħobb mingħajr ma norbot qalbi ma xejn u ma ħadd. Norbot qalbi biss ma’ Ġesu’ Msallab, għax hu jagħtini d-dawl tal-Ispirtu tiegħu u jurini kif għandi ngħix. Kif għandi nġorr sallibi mingħajr ma niddispra quddiem it-tbatija. Ġesu’ jgħinni nagħti sens ġdid lit-tbatija permezz tal-qawmien tiegħu mill-mewt. Mela, anki jekk ikolli nagħti ħajti sal-punt tal-mewt, naf li ħa nibqa’ ngħix fil-ħajja ta’ dejjem.
B’dan il-ħsieb tal-ħajja ta’ dejjem f’moħħi, nippjana li ngħix ħajti fuq din l-art bl-imħabba. Imħabba li ġġiegħlni nirrealiżża li għax għandi lil Ġesu’ għandi kollox. Kollox jidher irmied ħdejn dak li hemm jistennieni fl-eternita’. Fl-eternita’ ħa niskopri li meta jien tajt kollox lil Ġesu’, anki ħajti stess Ġesu’ ħa jerġa’ jtini aktar milli tajtu għax ħa jtini ħajja li ma tintemmx.
Ħajja li kont maħluqa għaliha mill-bidu, dik t’għaqda sħiħa m’Alla. M’għandi xejn li hu prezzjuż mill-ħajja nnifisha, allura iva lesta nagħti kollox biex bħalma qal Ġesu’ jkolli l-ħajja u l-ħajja bil-kotra minn issa u li tkompli għal dejjem.

This entry was posted in Kitbieti. Bookmark the permalink.

Leave a comment