Pentecoste

Malli l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-appostli, dawn minn nies beżżiegħa jsiru nies mimlija kuraġġ biex jagħtu xhieda għal Ġesu’. Mill-kamra magħluqa li kienu miġburin fiha ħarġu fil-beraħ.

Anke fija, l-Ispirtu s-Santu jrid jagħmel bidla. Bidla fl-attiduni tiegħi biex ma nibqax nieħu l-fidi tiegħi for granted. Jien li nemmen ma nistax ngħix bħal min ma jemminx. F’dak kollu li nagħmel, irid ikun hemm it-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Din il-ħajja li jien imsejħa ngħix minn issa stess permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Hu l-Ispirtu s-Santu li jgħinni ma nibqax marbuta mat-toqol tad-diżabilita’ u ngħarraf l-abiltajiet li tani Alla biex nurih lid-dinja. Dinja li tesponi fil-beraħ l-inkapaċita’ tiegħi, biss b’kuraġġ kbir jien nagħti xhieda li Alla jinqeda b’kulħadd. Għandi ġismi mkisser, imma l-ispirtu tiegħi hu ħieles.

L-ispirtu hu ħieles għax jgħum fl-imħabba bla limitu li Alla jogħġbu jixħet f’qalbi. Ħafna drabi hi qalbi permezz tal-imħabba li hemm fiha li tipprietka lil Alla. Hi din l-imħabba li tressaqni aktar qrib tal-fidi. Vera għandi salib li mhux faċli nġorru, bħal ta’ kulħadd wara kollox, iżda nħoss li ma dan is-salib Alla tani u dawwarni b’ħafna mħabba.

Kbira kemm hi kbira t-tbatija, l-imħabba t’Alla hi bil-wisq akbar! Din hi l-missjoni li Alla ħalaqni għaliha u li l-Ispirtu s-Santu qed jgħinni nwettaq. Mingħajr il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu f’ħajti, kieku jien niffoka biss fuq it-tbatija imma permezz tal-Ispirtu s-Santu jirnexxili nagħti sens lil din it-tbatija. F’din it-tbatija, jien nara l-pjan t’Alla biex isalvani.

B’hekk jien nitqaddes u nqaddes lil ħaddieħor u hekk nkun qed inġib is-Saltna t’Alla f’din id-dinja. Apparti li nkun qed noqrob aktar viċin lejn il-ħajja ta’ dejjem. Dan hu l-ferħ tal-ispirtu li jien sirt nesperjenza kuljum, hekk kif għamilt id-deċiżjoni li nieħu l-ħajja nisranija bis-serjeta’. Ferħ li jqalqani biex kontinwament niġġedded u niċċelebra l-ħajja ġdida tal-ispirtu.

This entry was posted in Kitbieti. Bookmark the permalink.

Leave a comment